• Home
  • About us
    • Profil: Superjura Generali
    • Fundatur: Mons. Isidor Formosa
    • Il-Karizma tas-Sorijiet Orsolini
  • Media
    • Photos
    • Videos
    • Articles
  • Ekklesia
  • Testimonials
  • Prayers
  • Contact us
Ursuline Sisters of St Angela Merici

Il-Karizma tas-Sorijiet Orsolini

“Ilsien it-tarbija tal-ħalib, weħel mas-saqaf 
ta’ ħalqha, minħabba l-għatx; 
it-tfal jittallbu l-ikel imma ma jagħtihom ħadd.” 
                                                                                   Lam. 4,4
F’din is-silta il-Profeta Ġeremija qiegħed jitkellem minn ikel li kien qed jiġi mitlub miċ-ċkejknin u ma nstab ħadd biex iqassmilhom. Minkejja li din tista’ tiġi mifhuma li l-Profeta qed jitkellem minn ikel materjali (bħal ma huwa l-ħobż), it-tifsira mistika hija għall-ikel spiritwali, il-Kelma t’Alla, għaliex fi żmien Ġeremija din kienet rari u ma kenitx qed tiġi mwassla biżżejjed. Din is-silta, ikkwotata mill-Fundatur tagħna, s-serv t’Alla Mons. Isidor Formosa, hekk kif insibu fi ktejjeb li ppublika huwa stess L-Istitut tal-Orsolini: tifkira lill-benefatturi fil-25 Anniversarju mit-twaqqif tagħhom (1912), tispjega tajjeb il-kariżma partikulari u prinċipali tagħna li hi l-kura tat-trabi u t-tfal u l-ispirtu li bih aħna nwettqu din il-ħidma.

Il-Fundatur tas-Sorijiet Orsolini, Mons. Isidor dei Conti Formosa, twieled in-naħa t’isfel tal-Belt Valletta nhar il-15 ta’ Novembru 1851, fi ħdan familja nobbli iżda ta’ sentimenti nsara qawwija. Il-ġenituri tiegħu kienu s-Sur Salvatore dei Conti Formosa u s-Sinjura Ġużeppina Farrugia Lebrun. Minnhom żgur li ċ-ċkejken Isidor irċieva l-eżempju tal-aqwa virtu`, speċjalment li jaħrab l-għażż u li jirrendi ruħu ta’ servizz għall-oħrajn. Iż-żmien li qed nitkellmu dwaru huwa t-tieni nofs tas-seklu tmintax, meta Malta kienet mitfugħa fil-għaks. Għalhekk, kien biżżejjed għalih li jixref ftit ’l barra minn daru biex jilmaħ djar ta’ faqar kbir. Kienu djar b’familji numerużi, li bil-kemm kien ikollhom biex jgħixu. It-tallaba kienu jiġġerrew mat-toroq kollha. Kienu jidhru wkoll tant ommijiet b’xi tarbija mdendla m’għonqhom, u b’xi ulied ċkejknin u maħmuġin imqabbdin ma’ djulhom.

Minn ta’ eta` ċkejkna, Isidor, kien qed jinduna bil-faqar ta’ madwaru u l-konsegwenzi koroh li kienu qed ibatu l-iżjed it-tfal, ħtija ta’ dan il-faqar. Hu fehem u emmen li hu nnifsu kellu ħafna x’jagħti lis-soċjeta` fosthom il-għana u l-ġid tal-familja tiegħu. Isidor, kemm bħala saċerdot kif ukoll aktar ’l quddiem bħala Monsinjur, baqa’ dejjem eżemplari fil-ħeġġa tal-imħabba lejn Alla u tal-karita` mal-fqar. Iżda fuq kollox kienet tiddi fih il-karita` nisranija u l-ġenerożita` tiegħu. Mons. Alwiġ Farrugia, l-ewwel Direttur tal-Kooperaturi Salesjani f’Malta, kiteb hekk f’omelija f’għeluq ix-xahar wara mewtu: “Din il-Kelma ta’ Ġesu` Kristu, fehma fil-għoli Mons. Formosa, li għall-fqar mhux biss ta dak li kien jibqagħlu, imma ta’ sikwit ta wkoll dak li kien bżonn tiegħu, u kien bil-qalb jiċċaħħad minn kollox biex jagħti lill-foqra.” L-imħabba ta’ Dun Isidor kienet fuq kollox lejn dawk li aktar minn ħaddieħor kellhom bżonnha. Huwa wera x’kienet tfisser imħabbtu meta kkonsma ġidu u ħajtu għall-fqar, kbar u ċkejknin, biex itaffi n-niket tagħhom u jnisslilhom ftit tama fil-ħajja, tant drabi, kiefra magħhom. Kull ma kien jaqla’ kien jagħtih lill-fqar waqt li hu nnifsu kien jgħix ħajja tassew sempliċi u ta’ faqar. Verament Isidor l-għana mhux talli qatt ma għamlet bih imma għaraf iħaddimha biex jagħmel l-akbar ġid li seta’ ma’ l-akbar numru ta’ nies possibli.

L-ewwel kamp li kkoltiva b’imħabba u intellett, kien l-Istitut tal-Bon Pastur, imwaqqaf għall-edukazzjoni spiritwali tat-tfal fqar fil-Belt, fil-Knisja tal-Vitorja. Dun Isidor daħal għal dan ix-xogħol b’ħeġġa qaddisa u b’imħabba ta’ missier. Kienu tfal nieqsa mill-ewwel elementi ta’ manjieri soċjali, u d-dehra tal-faqar tagħhom kienet iġġiegħlu jħossu li, flimkien mal-ħobż mistiku tal-Kelma, hekk kif diġa` ndikajna aktar ’l fuq,  kellu jqassmilhom il-ħobż materjali u jipprovdilhom il-ħwejjeġ, speċjalment fl-okkażjoni tal-Ewwel Tqarbina. Dun Isidor inħatar Direttur ta’ dan l-Oratorju bejn is-snin 1877–1879.

Fl-istess żmien, kien jidderiġi l-katekiżmu li kien isir għall-bniet foqra fil-Knisja ta’ Santa Barbara, il-Belt. Il-katekiżmu f’din il-Knisja kien ġie traskurat ħafna u għalhekk, Dun Isidor fis-sena 1876, ftit ġimgħat wara li kien ġie ordnat saċerdot kompla u saħħaħ il-Kongregazzjoni tal-Figlie di Maria Immaculata. Il-membri tal-Figlie di Maria kienu tfajliet li Dun Isidor ġabarhom flimkien sabiex jgħallimhom, u jsib fihom kollaboraturi f’opri ta’ ġid ma’ min kien fil-bżonn. F’numru ta’ priedki miktubin minn Dun Isidor insibu li hu ħejja formazzjoni soda għal dawn il-membri. Għaldaqstant bosta tfajliet, aktar ’l quddiem, wieġbu għas-sejħa ta’ ħajja ta’ safa permezz ta’ Ħajja Kkonsagrata wara li kienu rċevew tagħlim sod fi ħdan il-Figlie.

Il-Kumpanija Ta’ Sant’ Orsla

B’ħarsa lejn Sant’ Angela u l-Orsolini ta’ żmienu, skont l-aħħar riformi, Dun Isidor għaraf il-bżonn ta’ appostolat bħal dan u għalhekk ried iwaqqaf xi ħaġa tixxibah f’Malta wkoll. Permezz tal-kuntatti li kellu barra minn Malta, għaraf is-siwi tal-ħidma tal-Kumpanija ta’ Sant’Orsla u għalhekk ħabrek biex din tiġi mwaqqfa wkoll fostna l-Maltin. Fir-rivista li kien joħroġ huwa stess, il-Bon Pastur, f’artiklu msemmi “Sant’ Angela”, tat-3 ta’ Marzu 1884, Dun Isidor, wara li jagħti tagħrif qasir fuq il-ħajja tal-qaddisa, jagħmel din il-mistoqsija, “M’għandux ikollna aħna wkoll Istitut ta’ xebbiet operari u ta’ ġid tant kbir lil sħabhom u lill-poplu, f’dan il-pajjiż li hu dispost għal kull xorta ta’ ġid? Iva u nittamaw li ma ndumux ikollna aħna wkoll il-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla b’tant xebbiet li huma jistgħu bla ma jħallu djarhom, ikunu f’dan l-Ordni hekk nobbli tal-ulied ta’ Sant’ Angela Merici. Ġa din it-talba għall-gżira tagħna saret mill-ulied ta’ Sant’ Angela fi Brescia fuq il-qabar tagħha, u l-protezzjoni tagħha u l-opra ta’ dawn ix-xebbiet, hi msejjħa f’dawn iż-żminijiet fuq id-dinja kollha kontra l-għedewwa tal-Knisja, tal-insara, tal-Papa u tar-religjon.”

B’hekk Dun Isidor beda jħejji xbejbiet għal ħajja kkonsagrata aktar intensa. Il-membri tal-Kumpanija, waqt li jibqgħu lajċi kienu jgħixu fi djarhom u wara żmien ta’ riflessjoni, kienu jintrabtu bil-vot ta’ kastita` għal sitt xhur. Imbagħad, dan jibqgħu iġedduh minn sitt xhur għal sitt xhur. Huma kienu responsabbli ta’ adorazzjoni riparattriċi u li jiġbru r-relikwi qodma. (Relikwi tan-nies u li huma kienu jiġbru sabiex ma jiġux mormija, iżda jżommuhom ikkultivati u mħarrrsin)  

Fis-7 ta’ Frar 1884, għalkemm kien għad m’hemmx l-approvazzjoni tal-Knisja, l-ewwel tnejn għamlu l-wegħda tagħhom ’l Alla fil-privat, f’idejn Dun Isidor. Imbagħad fid-19 ta’ Marzu ta’ l-istess sena, hu laqqagħhom fl-Oratorju msejjaħ tas-Secreta li jmiss mal-Knisja tal-Ġiżwiti, l-Belt. Għandna dokumentat il-ferħ kbir ta’ Dun Isidor fl-okkażjoni tal-ewwel Professjoni tal-ewwel membri tal-Kumpanija. F’ittra li kiteb lill-Orsolini ta’ Brescia, hu jistqarr, “Il-kumpanija tagħna tista’ fl-aħħar tkanta vittorja. ...Tassew li l-ewwel Sorijiet kien baqgħalhom xi ftit żmien ieħor biex itemmu s-sena tan-Novizzjat, iżda ċ-ċirkustanzi kienu qed jagħfsu. Il-Professjoni saret fis-17 ta’ dan ix-xahar t’April li wasal biex jintemm, ippreseduta minn tridu ta’ eżerċizzi spiritwali.”

L-approvazzjoni ta’ din il-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla f’Malta ġiet minn Mons. Arċisqof Carmelo Scicluna bid-data tat-30 ta’ Mejju 1884 u tgħid hekk: “Bis-setgħa tagħna, nirrikonoxxu din il-Konfraternita` ta’ Sant’ Orsla. Niddikjarawha mwaqqfa skont il-liġijiet tal-Knisja f’din id-djoċesi. Napprovaw l-istatuti tagħha biż-żidiet u tibdil kif hemm fir-rikors. Ninnominaw ukoll lil Dun Isidor bħala Rettur tagħha.”

Ta’ min jinnota li kien għad fadal 23 sena biex jitwaqqaf il-Museum ta’ San Ġorġ Preca, iffurmat minn membri mpenjati li jwiegħdu il-kastita` fil-waqt li jibqgħu lajċi fi djarhom. Dawn ix-xebbiet tal-Kumpanija kienu jimpenjaw ruħhom fis-soċjeta` billi jwettqu opri tal-ħniena ma’ nies żvantaġġjati: iżuru l-morda, jgħallmu d-duttrina lill-kbar u lil dawk li kienu torox u muti, iwiddbu lill-midimbin, isewwi tgħawwiġ ta’ kuxjenzi u ħwejjeġ bħal dawn. Dan l-appostolat kien dejjem jitwettaq taħt l-ubbidjenza tas-superjuri.

Il-Maltin aktar kienu qed josservawhom u jaraw b’għajnejhom il-ġid li kienu qed jagħmlu dawn l-ewlenin membri tal-Kumpanija fost il-kbar u ċ-ċkejknin milqutin minn xi problema tal-ġisem jew tar-ruħ. Mons. Isidor kien membru tas-Soċjeta` ta’ San Vinċenz u president ta’ din l-istess Soċjeta` mill-1890 sa mewtu. Għalhekk, minħabba dan il-fatt hu kien seta’ jkun ħafna aktar viċin tal-fqar billi kien iżurhom fi djarhom. Billi kellu dan l-aċċess mill-qrib tal-fqar u s-sitwazzjoni tagħhom, huwa seta’ jagħraf kif jirrimedja għal tant faqar speċjalment fost ommijiet żgħar li kienu impediti milli joħorġu jaħdmu barra mid-dar minħabba li riedu jieħdu ħsieb it-trabi tagħhom. Din il-forma ta’ appostolat kienet waħda mir-raġunijiet primarji għaliex it-tliet membri tal-bidu ngħaqdu bħala komunita` għaliex b’hekk setgħu jlaħħqu iżjed mad-domanda. Kellha tkun il-kelma soda tiegħu li ċaqalqithom biex jieħdu azzjoni. Huwa nnifsu kien jgħid li tlieta minnhom tħajjru jilqgħu l-proposta tiegħu u fl-4 ta’ Mejju 1887 taw bidu għall-Kongregazzjoni Kolleġġjali tas-Sorijiet Orsolini. Kliem Dun Isidor jgħid hekk: “Kienu jħossuhom imħajjrin iħallu d-dinja biex jidħlu fil-ħajja reliġjuża.” Dawn it-tlieta kienu, Marjanna Camilleri (Professa), Ġużeppina Tonna (Novizza) u Maria Tereża Zammit (Postulanta).  (Id-Djoċesi ta’ Malta minħabba l-marda gravi tal-Arċisqof Scicluna ġiet afdata f’idejn il-Kapuċċin Monsinjur Anton Buhagiar bit-titlu ta’ Amministratur Apostoliku. Għalhekk, Dun Isidor mar kellem lilu fuq l-intenzjonijiet tiegħu u aktar tard Dun Isidor tenna jgħid: “L-Istitut tagħna twieled f’dirgħajh!”)

Wara li l-Fundatur kellu l-approvazzjoni mill-Isqof l-ewwel Dar kienet f’numru 48 Triq l-Isptar, il-Belt. Din ġiet iddedikata lil San Ġużepp, il-qaddis tal-providenza u li lejh il-Fundatur kellu fiduċja kbira. Aktar milli bħala Fundatur jew Rettur, Dun Isidor, ried iġib ruħu ta’ missier ma’ dawk ix-xbejbiet. Meta kien ikellimhom, hu kien ifissrilhom kemm kienet kbira x-xewqa tiegħu li huma jipperseveraw u kien idaħħlilhom l-ispiritwalita` ta’ Sant’ Angela Merici. Lil ħajjithom hu xebbahilhom ma’ dik tal-qaddisin aħwa Marta u Marija. Qalbu kienet mimlija bit-tama li dawk it-tlieta tal-bidu jkunu bħal pedament sod għal dik id-Dar ċkejkna ta’ San Ġużepp.

Dawn huma siltiet minn żewġ diskorsi li Mons. Isidor għamel lill-ewwel membri fil-jum tal-Professjoni tagħhom u li kienu ġew ippublikati fl-1896.

Diskors li sar 4 ta’ Novembru 1895.

“Il-ħajja reliġjuża hija bħal għalqa bi fjuri ta’ kull xorta ta’ virtu` fejn il-lezzjonijiet qaddisa jagħmlu lir-ruħ tidħol fil-ġenna ma’ Kristu, il-mortifikazzjoni iħejju l-Ispirtu u jgħaqqad ma’ Alla, l-eżerċizzju fl-opri ta’ karita` lejn il-proxxmu li jagħmlu lir-reliġjużi ta’ ġieh lejn is-soċjeta` u tal-istess Alla wkoll.” La Compagnia di Sant Orsola - 1897

“Ħa jkunu ta’ eżempju għalikom il-kbar fil-qasam tal-karita`  Angela u Wistin il-protetturi tagħkom.”

It-talba, għall-erezzjoni kanonika bħala Istitut ta’ Ħajja Kkonsagrata, għamilha Dun Isidor Formosa. Is-supplika titlob: li jkollhom abitu reliġjuż, li jgħixu taħt ir-Regola ta’ Santu Wistin, il-Kostituzzjonijiet ta’ Sant’ Angela Merici u d-direttorju tal-istess Dar. Esprimew ix-xewqa kbira li kellhom li jipprofessaw voti sempliċi li jkunu jistgħu jiġu maħlula mingħajr ma jirrikorru lejn is-Santa Sede. Wara tliet snin jagħmlu l-Voti Perpetwi iżda dejjem Sempliċi. L-Isqof Anton Buhagiar ta l-erezzjoni kanonika lill-Orsolini Maltin ta’ Sant’ Angela Merici permezz tad-digriet tal-15 ta’ Marzu 1888.

Punti Ta’ Spiritwalita` Li Mons. Isidor Formosa  GĦadda Lis-Sorijiet Orsolini

  • Tagħlim ta’ Sant’ Angela Merici;
  • Ubbidjenza perfetta;
  • Spirtu ta’ talb;
  • Imħabba lejn il-mortifikazzjoni li jwassal għall-virtu`;
  • Imħabba u qadi lejn it-tfal li fihom naraw lil Ġesu` Kristu;
  • Umilta` waqt li nagħmlu l-ġid għall-glorja t’Alla.

Qabel ma ġiet l-approvazzjoni tal-Knisja, Dun Isidor, beda jħejji l-kostituzzjonijiet. Kienu statuti li diġa` bdew juruhom bħal Sorijiet ta’ Ħajja Kkonsagrata bil-voti ta’ kastita`, faqar u ubbidjenza. Issejħu bħala Istitut ta’ Orsolini Kolleġġjali għall-fatt li kienu jgħixu flimkien. L-Istitut kellu skop tassew li jeżisti għaliex sa mill-bidunett kien itaffi tant tbatija fost it-tfal. Is-sorijiet rebħu l-fiduċja tal-ommijiet li ma beżgħux jafdaw lil uliedhom f’idejn dawn is-sorijiet għaliex kienu jaraw mill-bidunett il-ġid li kien isir ma’ wliedhom. Is-sorijiet tad-Dar ta’ San Ġużepp ingħataw ukoll għat-tagħlim tal-foqra li minħabba ċerti raġunijiet ma setgħux jattendu l-iskejjel tal-gvern. Huma kienu jgħallmu lit-tfal il-qari, il-kitba u kif iwettqu diversi ħidmiet fid-dar, minbarra tagħlim sostanzjali ieħor biex jgħixu ħajja nisranija eżemplari. Permezz ta’ diversi publikazzjonijiet, Dun Isidor kien iqajjem għarfien ta’ din il-ħidma fost dawk li setgħu jkunu benefatturi tagħha. Barra minn hekk, biex din l-opra kellha suċċess, Dun Isidor ta ħafna mill-flus tiegħu personali. Huwa kiteb lis-sorijiet tal-bidu biex: “Jagħmlu ħilithom kollha kemm hi biex ikunu ta’ ġid għall-oħrajn u jgħinuhom jaslu għall-perfezzjoni. Dan jagħmluh bl-eżempju tajjeb tagħhom, bit-tagħlim tad-duttrina nisranija lill-bniet fid-dawl tal-fatt li ’l quddiem kellhom ikunu ommijiet insara u billi jgħallmuhom ukoll jgħixu ħajja tajba. Jagħmluh ukoll billi jitħarrġu, skont kemm jippermettilhom l-istat tagħhom, fl-opri l-oħrajn ta’ tjieba u ħniena lejn il-proxxmu.”

Għalhekk rajna kif il-Kongregazzjoni tagħna tas-Sorijiet Orsolini ġiet imwaqqfa bl-għan ewlieni li tkun ta’ għajnuna għat-tfal u għall-ġenituri foqra. L-ewwel sorijiet Orsolini kienu jżommu t-tfal ta’ dawk l-ommijiet li kienu jmorru jaħdmu matul il-ġurnata biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u li ma kienx għal  dawn is-sorijiet, dawn it-tfal kienu jqattgħu ġranet jiġru ’l hawn u ’l hinn, b’dannu għal saħħithom u min jaf kemm kienu jiġbru eżempji ħżiena mit-toroq. Ma kenitx faċli għalihom li jieħdu ħsieb u jitrattaw ma’ tfal bħal dawn u spiss dan kien jitlob minnhom impenn u sfida mhix żgħira. Huma ma kienx jinteressahom biss li joħorġuhom u jaqilgħu lil dawn it-tfal minn dawk l-ambjenti ħżiena u ta’ periklu kemm għal saħħithom kif ukoll moralment. Kienu jridu jgħinuhom, fuq kollox, jibnu lilhom infushom biex jiżviluppaw fihom valuri sodi li jservuhom għal ħajjithom kollha u jagħrfu jieħdu responsabiltajiet u deċiżjonijiet għaqlin fil-ġejjieni. Mons. Isidor jista’ jitqies bħala pijunier, wieħed mill-ewlenin li ħaseb joffri għajnuna ta’ dan it-tip fis-soċjeta` Maltija f’dan ir-rigward u joqgħodu tant tajjeb għalih il-kliem li nsibu fil-Ktieb tal-Proverbji, “Min hu qalbu tajba jkun imbierek, għax hu jaqsam ħobżu ma’ min hu fqir;” (22,9) kif ukoll, “Il-ġust jagħraf drittijiet il-fqajrin, imma l-ħażin dan ma jifhmux.” (29,7)

Kemm kien ikun kuntent f’dawk l-ewwel żmenijiet  Mons. Isidor Formosa jara lil dawn iċ-ċkejknin, miġburin, maħbuin u kkurati minn dawn is-sorijiet Orsolini tant li kien itenni spiss:

BĦAL FI ĦDAN OMM KOLLHA MĦABBA HEKK IT-TFAL ZGĦAR FUQ DIRGĦAJN SORU ORSOLINA

Dan is-sentiment huwa rifless mid-dixxipli tiegħu li jsegwu t-tradizzjoni mwaqqfa mill-bidu. U għal dan il-għan għadna tant magħrufin tajjeb aħna s-sorijiet Orsolini fi xtutna, u issa wkoll lil hinn minn xtutna, għat-trobbija u għall-kura ta’ tant u tant tfal li għal diversi raġunijiet ma jistgħux jgħixu mal-familji tagħhom. It-tfal iġibuhom għandna biex nieħdu ħsiebhom għaliex għal xi raġuni jew oħra, il-ġenituri tagħhom ma jkunux jistgħu jieħdu ħsiebhom huma. Jista’ jkun li l-ġenituri tagħhom ikunu morda, jew ikunu qegħdin il-ħabs, jew tfal b’ġenitur wieħed, jew inkella ta’ ġenituri separati b’tant inkwiet u ġlied fil-familji. Jiġu għandna wkoll minħabba li jkunu ġew abbużati – sesswalment, fiżikament u mentalment. Bħalissa għandna wkoll numru ta’ tfal ta’ dawk ir-refuġġjati li jaslu fi xtutna minħabba l-ġlied u l-inkwiet li għandhom fil-pajjiżi tagħhom. Tibdil sar, għax fejn fi żmien il-Fundatur l-iskop kien li jtaffi tant tbatija fost it-tfal li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli, illum ukoll dan l-iskop għadu jiġi mħares b’differenza li t-tfal illum ma jinżammux biss matul il-ġurnata imma noffrulhom kenn ta’ 24 siegħa kuljum. Bħall-ewwel sorijiet Orsolini inżommu wkoll tfal ta’ dawk l-ommijiet li jmorru jaħdmu matul il-ġurnata biex jaqilgħu il-ħobża ta’ kuljum.

Aħna qed nibbenefikaw minn dawn it-tradizzjonijiet sani kemm spiritwalment biex nixhdu għall-kontribut li ta l-fundatur tagħna lill-Knisja lokali u kemm fil-qasam tal-kura tat-tfal biex dawn jieħdu mill-ġid tal-eżistenza u l-ħidma tal-kura tagħna. Il-mira tal-ħidma tagħna kienet, għadha u tibqa’ dejjem lejn it-tfal żvantaġġjati biex permezz tas-servizz li nagħtuhom ngħinuhom jiffurmaw ruħhom sa mill-bidu tal-ħajja tagħhom u jaslu biex ikunu persuni sħaħ fis-soċjeta`. Is-sorijiet jitħarrġu u jinfurmaw ruħhom fil-qasam tal-kura tat-tfal biex aktar ikunu aġġornati, ppreparati u mhejjija tajjeb għall-isfidi li tippereżentalhom din il-forma ta’ ħidma.

L-appostolat tagħna nwettquh ukoll fil-qasam tal-iskejjel, f’dak kateketiku u f’oqsma oħra f’Malta u barra, kif kienet il-kariżma u x-xewqa tal-Fundatur, li wera f’ittra għażiża lill-ewwel novizzi tal-Kongregazzjoni (1889): “Meta niftaħ il-ktieb tar-rikordji ta’ Sant’ Angela, fl-ewwel rikordju nsib li tgħid hekk: ‘Fil-ħniena tiegħu, Alla ried jinqeda bikom bħala strumenti għall-glorja t’Alla, u dan għamlu Alla biex ikun jista’ jgħanikom iżjed. Għaldaqstant, hu m’għażilkomx biex tfittxu l-paċi u l-kwiet tagħkom, anqas biex tħabirku żżejjed biex issiru qaddisin, imma Alla jrid li tagħtu rwieħkom biex tagħmlu dak li hu jrid minnkom u biex tfittxu l-glorja tiegħu fost il-bnedmin, fost it-tfajliet, fost l-injoranti, fost il-ħżiena u fost kulħadd.’ Araw jekk dan jogħġobkomx u itolbu ’l Alla jgħinkom. Inberikkom.”

U nagħmlu x’nagħmlu, dejjem u kontinwament fuq kollox nipprovaw nagħtu lil dawn iċ-ċkejknin tagħna ħafna u ħafna mħabba u waqt ix-xogħol tagħna magħhom spiss niftakru fi kliem Ġesù meta qalilna, ‘Kulmin jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.’ (Mk. 9,37) Għax dak kollu li nagħmlu magħhom aħna rridu nkunu konvinti u nemmnu li qed nagħmluh ma’ Ġesù stess.

Tradizzjonijiet Fil-Ħajja Tat-Talb Tal-Ursolini Kollegjali:

Wara li sar l-aġġornament li talab il-Konċilju Vatikan II, l-ispirtu ta’ talb fil-Kongregazzjoni Orsolina żammet ċerti punti bażiċi, li jmexxu l-ħajja spiritwali speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ talb komunitarju. Fil-Kostituzzjoni tagħna (Numru 18) insibu hekk: Niftakru ta’ spiss li titlob tfisser tingħaqad m’Alla, ssir ħaġa waħda mar-rieda tiegħu, twieġeb għal imħabbtu u tgħix il-ħajja ta’ Kristu.

Fost dan it-talb li żammejna nsibu:

1)  It-talba ta’ San Ġużepp li din kellha l-bidu tagħha fis-sena 1893 u li l-intenzjoni tagħha kienet u għadha biex tipproteġi lill-Knisja mill-influwenzi ta’ moderniżmu.

2)  It-talba tal-Wiċċ ta’ Kristu, devozzjoni li xerred il-fundatur u għaddiha lill-ewwel membri tal-kongregazzjoni. Fil-Manuale Direttivo tal-1895 hemm stipulat li din għandha tingħad b’riparazzjoni kontra l-ħsara mwettqa mis-setta tal-Mażunerija.

Fid-dar Ġeneralizja ssir Adorazzjoni Ewkaristika darbtejn fil-ġimgħa u li magħna jieħdu sehem ukoll il-lajċi. Waħda minnhom, dik ta’ nhar t’Erbgħa tkun offruta b’mod speċjali għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi u dik ta’ nhar ta’ Ġimgħa hija adorazzjoni komunitarja.

X’Inhuma L-Esigenzi Tal-Lum?

Illum il-ġurnata qed naffaċċjaw problemi ġodda li jkomplu jiżdiedu ma’ dawk li sab il-fundatur fi żmienu. Forsi tistaqsu, imma llum għadu jeżisti l-faqar? Daż-żgur li għadu jeżisti l-faqar. Forsi mhux l-istess tip ta’ faqar hekk kif nifhmuh aħna imma hawn faqar ieħor, faqar spiritwali, faqar psikoloġiku, faqar morali, faqar fejn għandek imma fl-istess ħin m’għandekx, bħal ngħidu aħna tfal li għandhom ġenituri imma sadanittant ma jsibuhomx, ma jitkellmux magħhom għax dejjem imħabbtin. Mhux faqar dan? U jekk nagħtu ħarsa lejn pajjiżna naraw tant emigranti msejjħin jew aħjar ittimbrati bħala illegali li jkunu ħarbu minn pajjiżhom żgur mhux b’xi kapriċċ imma minħabba l-gwerer jew il-qagħda mwegħra ta’ pajjiżhom. Telqu kollox, djar, familji, ġieli lill-uliedhom stess. Il-kelma faqar ma tfissirx biss li bniedem jispiċċa bla flus, iżda tfisser ukoll trabi jew tfal mingħajr it-trobbija tal-omm naturali tagħhom, trabi u tfal li l-ġenituri tagħhom huma vittmi tad-droga, tal-alkoħol jew tas-sess. Tfisser ukoll tarbija jew tfal abbużati mentalment u fiżikament, tfal imċaħħdin mill-familji tagħhom minħabba tant kapriċċi u egoiżmu tal-istess ġenituri tagħhom. Altru jekk niltaqgħux kuljum aħna ma’ dan it-tip ta’ faqar! Dawn huma ftit mis-suriet ta’ faqar li aħna niltaqgħu magħhom ta’ kuljum. Permezz tal-għixien tagħna tal-vot tal-kastita` li aħna nħaddnu, inrawmu l-qalb materna tagħna lejn dawn it-tfal li tagħhom aħna nsiru mhux biss ommijiet iżda wkoll ommijiet spiritwali, biex il-ħidma tagħna ma nħossuhiex ta’ piż iżda tiġi mwettqa bil-qalb u b’ħafna mħabba daqs kieku magħmula lil Kristu stess.

Il-kariżma fundamenatali sa minn dejjem kienet dik li nieħdu ħsieb dawk it-tfal li ma jistgħux ikunu jgħixu mal-familji naturali tagħhom minħabba diversi problemi, kif diġa` semmejna. Issa ilni sena u nofs fi ħdan din il-kongregazzjoni u minn dak li nara u mill-esperjenzi li s’issa għaddejt minnhom matul dan iż-żmien, jien li jien membru ġdid naħseb li l-għan ewlieni tagħna iva, qed inwettquh u nilħquh. Huwa veru li tibdil sar u jibqa’ jsir, iżda huwa l-istess għan li jiġi dejjem żviluppat u aġġornat biex ikun jista’ jilħaq l-iskop tiegħu fis-soċjeta` li nkunu qed ngħixu fiha bil-problemi li din l-istess soċjeta` tkun qed tippreżentalna.

Kif nistghu nilhqu dawn il-bzonnijiet?

Il-Kariżma li welled fina l-fundatur tagħna hija l-alternattiva ta’ dawn il-problemi kollha li nsibu fis-soċjeta` ta’ llum. Li kieku ma kienx dan il-bniedem li nduna b’dan il-faqar sa minn żmienu tant tfal kienu jisfaw vittmi ta’ tbatija ferm akbar. Il-Kostituzzjoni tagħna tgħid hekk fuq l-appostolat fih innifsu: imħeġġin bl-ispirtu tal-Fundatur tagħna u Sant’ Anġela, ikun liema jkun ix-xogħol tagħna li l-Ubbidjenza tafdalna f’idejna, aħna niftakru li l-ewwel u l-ogħla appostolat tagħna hu li ngħixu l-Konsagrazzjoni tagħna li minnha kull ħidma, ukoll dik l-aktar moħbija, titqaddes, u tgħin għall-miġja tas-Saltna ta’ Kristu fl-erwieħ. L-appostolat tagħna jitlob minna sagrifiċċju, u  fid-diffikultajiet li nistgħu niltaqgħu magħhom niftakru fil-kliem ta’ S. Anġela: ‘Titilfux il-kuraġġ; ikollkom fiduċja u fidi qawwija f’Alla u Hu jgħinkom u jassistikom f’kollox’. Dwar l-appostolat mat-tfal il-kostituzzjoni tgħid li għandna nħossuna kburin fi Kristu bix-xhieda li nagħtu ta’ mħabbtu lejn it-trabi innoċenti u t-tfal. Bħal omm għaqlija fil-qasam tax-xogħol tagħha, infittxu bl-ikbar imħabba li nġibu ’l quddiem il-ġid spiritwali u temporali tat-tfal li b’xi mod jiddependu minna. Tgħid ukoll li kull soru li għandha l-kura tat-tfal iżżomm ruħha aġġornata f’dan il-qasam u tfittex li tagħti l-esperjenza tagħha lis-sorijiet li jkunu jgħinuha.

L-għotja tagħna u ta’ mħabbitna hija s-sigriet biex it-tfal inrabbuhom b’għożża kbira daqs li kieku qegħdin fi djarhom stess. La darba kull tifel u tifla ġew afdati f’idejna hija r-responsabilta` tagħna li dawn isibu dak kollu li għandhom bżonn biex jikbru f’saħħithom mentalment, fiżikament, spiritwalment u moralment. Ta’ kull jum dawn it-tfal iridu jieklu, jixorbu, jinħaslu, jaraw it-televixin u jilgħabu wkoll. Allura aħna rridu nkunu żguri illi nipprovdulhom dak kollu li hu ta’ ġid għalihom.  Nagħmlu minn kollox, ukoll, biex ngħaddulhom ħafna mħabba permezz tal-istint matern illi aħna lkoll għandna ġewwa fina, u nħobbuhom hekk kif Ommna Marija ħabbet lil Binha Ġesu`.

Aħna nsegwu t-tfal tagħna f’dak kollu li jista’ jkollhom bżonn fejn jidħlu tobba, sptarijiet, kura psikjatrika u psikoloġika u kull ħtieġa oħra. Noffrulhom ukoll servizz ta’ tagħlim fl-iskejjel tagħna imbagħad aktar ’l quddiem fi skejjel tal-gvern jew tal-Knisja, ħalli huma jħossuhom integrati fis-soċjeta` daqs tfal oħra.

Dun Isidor huwa mudell għan-nisrani ta’ llum u għall-kleru Malti impenjat f’diversi ħidmiet soċjali, biex iwassal l-effetti ta’ fejda fejn hemm il-problemi, effett tas-soċjeta` post-moderna u l-influwenzi li qed jaħkmu fost il-poplu Malti llum. Dun Isidor kien iżomm dawn il-kelmiet tiegħu stess bħala prinċipju ta’ ħajtu:
“Kemm indum ngħix, nagħmel kemm nista’ biex oħrajn jagħarfu ’l Alla u jberkuh biex ħajti tkun appostolat għal Ġesu` Kristu. 
Jiena lilu, li għex u miet għalija, nżommu b’mudell tiegħi.”

Ursuline Sisters Congregation, Malta © 2015 

✕